Nhar il-Ġimgħa, 22 ta’ Mejju, il-Moviment Graffitti flimkien mal-MGRM se jorganizza mixja interessanti oħra mis-sensiela tal-Kwirżitajiet. Din id-darba Omar N’Shea se joħodna lura fil-passat bir-rakkonti tiegħu u kwirżitajiet oħra dwar imkejjen ewlenin marbutin mal-komunità LGBTIQ+ madwar il-Belt u l-Furjana.
Se niltaqgħu fil-6.00 ta’ filgħaxija taħt l-ajkla, faċċata tal-Phoenicia fejn jieqfu l-karozzi tal-linja. Taħt l-ajkla kien wieħed mill-ispazji fejn kien isir il-ħufar fil-passat u fejn speċjalment l-irġiel gay kienu spiss jiltaqgħu.
Din il-mixja se ssir biex infakkru l-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, l-Bifobija u t-Transfobija (IDAHOBIT), fi kliem ieħor huwa l-jum fejn niftakru f’kemm hawn persuni li jsofru mibgħeda, diskriminazzjoni, preġudizzji u inġustizzji minħabba li ma jikkonformawx mal-aspettattivi soċjali u kulturali tal-ġeneru u s-sesswalità.
Il-Moviment Graffitti dejjem jimmarka dan il-jum u jagħtih l-importanza li tixraqlu għax nemmnu li kull persuna għandha dritt tesprimi u tgħix il-ġeneru u s-sesswalità tagħha kif tixtieq hi mingħajr persekuzzjoni, mibgħeda u diskriminazzjoni. Madwar id-dinja għad hawn ħafna membri tal-komunità LGBTIQ+ li mhux biss mhumiex aċċettati u jkollhom jinħbew u jgħixu fil-biża’ imma li jiġu ppersegwitati, mitfugħin il-ħabs, ittorturati u maqtulin. F’Malta għalkemm għamilna passi kbar fil-qasam legali, ma jfissirx li l-istigma u l-ibbuljar inqerdu u m’hawnx omofobija, bifobija u transfobija.
Nisperaw li narawkom biex flimkien insiru nafu ftit kurżitajiet mill-passat kwir dwar il-Belt u l-Furjana.
Omar N’Shea huwa akkademiku, kittieb u riċerkatur.
L-informazzjoni se tingħata bil-Malti.
