Moviment Graffitti logo

Latest News

‘Xi drabi b’sagrifiċċju, kelli norqod mingħajr ma niekol’ – Rafel Grima

Il-ġlieda favur id-drittijiet tal-ħaddiema immigranti mhijiex faċli f’pajjiż li għaddej japprofitta minnhom qishom l-iskjavi tiegħu

Nhar it-13 ta’ Lulju 2022, il-Jesuit Refugee Service Malta (JRS Malta) u l-aditus Foundation nedew ir-rapport investigattiv ‘In Pursuit of Livelihood: An In-depth investigation of Asylum Seekers’ battle against Poverty and Social Exclusion in Malta’ dwar il-qagħda soċjo-ekonomika tal-persuni li qegħdin ifittxu l-ażil, ir-refuġjati u l-immigranti f’Malta.

Minn dan l-istudju joħroġ fatt ikrah li ilna nafuh u ninsistu fuqu: li l-qagħda ekonomika tal-immigranti f’Malta hija l-agħar li qatt kienet. Ir-rapport juri biċ-ċar li l-maġġoranza tagħhom isibuha diffiċli jlaħħqu mal-ħajja, li jkopru l-iżjed ħwejjeġ bażiċi u essenzjali u qegħdin jgħixu fil-prekarjat. Fatti li jikkonfermaw dak li tgħid ukoll il-YMCA, li iktar minn 80% tal-immigranti f’Malta qegħdin jgħixu fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar

Id-dokument jinkludi l-istejjer ta’ sitt immigranti li jgħixu u jaħdmu f’Malta fosthom Fatima li ħarbet mis-Somalja fl-2013 u li tistqarr li ma tistax tlaħħaq mal-għoli tal-ħajja b’paga full-time ta’ €700 fix-xahar u ma tistax titlaq mill-Open Centre u tikri kamra jew flat. Il-paga tagħha sempliċiment ma tħallihiex tgħix ħajja diċenti. Id f’id mal-problemi ekonomiċi jeżistu wkoll il-problemi amministrattivi fl-ipproċessar ta’ dokumenti u talbiet oħra. Bħal pereżempju l-istorja ta’ Frank, li wasal Malta ħames snin ilu u jixtieq jiftaħ kont tal-bank iżda mhumiex iħalluh. Għalhekk Frank ikollu jħalli l-flus id- dar minkejja li jixtieq ftit sigurtà fuq dak li jirnexxilu jfaddal

Sitwazzjonijiet bħal dawn qegħdin iwasslu għal dewmien esaġerat biex l-immigranti jkunu jistgħu joħorġu miċ-ċentri tad-detenzjoni u jfittxu xogħol u ħajja aħjar. L- immigranti għalhekk iħossu nuqqas ta’ kontroll u direzzjoni fuq ħajjithom, diffikultà biex jirċievu edukazzjoni u taħriġ xieraq u diffikultà biex jibdew jiffjorixxu u jgħixu ħajja dinjituza

Matul dibattitu organizzat mill-Malta Humanist Association u l-Moviment Graffitti, li fih ipparteċipaw numru ta’ akkademiċi, ħaddiema u voluntiera fil-qasam tad-drittijiet umani, dwiet l-għajta ta’ ħaddiem miċ-Chad li saħaq fuq il-bżonn ta’ azzjoni konkreta u mingħajr kantunieri mill-immigranti stess u bl-appoġġ tal-għaqdiet umantarji f’Malta. Id-dibattitu għaraf li ħafna mix- xogħol fil-qasam tal-kostruzzjoni ta’ Malta u Għawdex qiegħed isir minn numru kbir ta’ immigranti li jitħaddmu illegalment, u s-saħħa ekonomika li dawn jista’ jkollhom pereżempju bl-għodda tal-istrajk.

F’dan il-kuntest tqajjmet l-idea ta’ union li tagħti saħħa lill- ħaddiema immigranti, li tiġġieled għad-drittijiet tagħhom u kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol. F’sistema attwali fejn l-immigranti ħaddiema f’Malta m’għandhomx wisq mezzi biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni, sħubija f’unjin tista’ terfa’ mill-piż tal-ħidma favur xogħol legali, paga minima u appoġġ legali

Barra minn hekk, din l-għaqda tista’ titwessa’ għall-ħaddiema kollha bil-għan ta’ solidarjetà bejn il-Maltin u l-barranin fil-gżejjer Maltin. Nafu sew li l-pagi baxxi u x-xogħol prekarju huma r-realtà ta’ bosta ħaddiema Maltin. Kif jinnota għalhekk l-eks-tarznar u trejdjunjonista Sammy Meilaq, l-għaqda bejn il-ħaddiema Maltin u barranin tinsab fil-ġlieda għall-paga minima u s- saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Permezz ta’ din l-għaqda jkun qiegħed jinħoloq ukoll spazju fejn id-drittijiet tal-ħaddiema li qegħdin ifittxu l-ażil, ir-refuġjati u l-immigranti jingħataw leġittimità. Huwa d-dover tagħhna bħala ħaddiema li nappoġġjaw lill-immigranti fil-ġlieda tagħhom kontra l-isfruttu fuq il-post tax-xogħol. Mhux biss għax għandna obbligu etiku u morali bħala bnedmin li nuru simpatija u solidarjetà ma’ kull persuna li qiegħda tiġi sfruttata iżda anki għax ir-rispett lejn id-drittijiet tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol huwa fl-interess tal-ħaddiema kollha ta’ Malta.

Il-ġlieda favur id-drittijiet tal-ħaddiema immigranti mhijiex faċli f’pajjiż li għaddej japprofitta minnhom qishom l-iskjavi tiegħu. L-umiljazzjoni fit-triq u fil-post tax-xogħol, f’pajjiż fejn ir-razziżmu għadu rampanti, hija parti normali mill-ħajja ta’ kuljum ta’ immigrant. Iżda d-disprament jista’ jsarraf ukoll f’ċaqliq fil-ġlieda favur il-ġustizzja ekonomika. Wasal iż-żmien li l-ħaddiema kollha ta’ Malta jqumu fuq ruħhom u huma wkoll jaqbżu għad- dinjità u l-futur tagħhom u ta’ wliedhom. Nuqqas ta’ azzjoni issa ser iwassal għal konsegwenzi ekonomiċi koroh fil-futur u l-qerda ta’ dak li jagħmilna bnedmin kuntenti ngħixu fuq din l-art, il-benesseri tal-komunità. 

Latest from our blog

Today we met in Sliema to remember the Nakba and denounce the genocide in Gaza. In the years and months...

Organisations positively note that most of the concerns they raised regarding the Bill amending the Private Residential Leases Act have...

Earlier today, Moviment Graffitti, along with a number of other organisations, launched the ‘Justice for Workers’ campaign in a press...