Għalfejn inġbarna hawn illum minflok qegħdin ingawdu l-jum tal-Ħadd?
Għalfejn naħsbu li huwa importanti li nkunu hawn?
Għax nemmnu li f’Malta u f’Għawdex, il-ġlieda tal-mara għall-ugwaljanza għadha ma spiċċatx. Is-soċjeta tagħna għadha strutturalment patrijarkali kważi daqs kemm kienet għalkemm inbidlu xi affarijiet u sar xi progress.
Imma mal-bidliet ġew ukoll diffikultajiet u sfidi ġodda.
Filfatt, appuntu minħabba li saru dawn il-bidliet, tisma’ min jgħidlek li llum aħna qegħdin hawn għax qatt m’aħna kuntenti, għax dejjem neqirdu, għax illum għandna d-drittijiet u sirna ugwali.
Għalhekk illum il-ġurnata sar aktar diffiċli biex tiġġieled kontra l-patrijarkat li għadu jirrenja fis-soċjeta tagħna u biex inwasslu l-messaġġ tagħna kontra dak li ħafna nisa għadhom iħabbtu wiċċhom miegħu ta’ kuljum.
Lil min jaħseb li m’għandniex għalfejn inkunu hawn nistaqsih: tkun moħħok mistriħ jekk bintek, martek jew oħtok tkun miexja waħedha fit-triq fid-dlam, jekk ommok anzjana u tgħix waħedha d-dar?
Jew inkella qatt staqsew raġel x’kien liebes wara li ġie attakkat minn xiħadd?
Illum qegħdin hawn:
Għax għalkemm aħna differenti, kollha għadna qed nissieltu kontra soċjetà u Stat partrijarkali, Stat li minflok jipproteġina, ħaġa waħda ma’ min għandu l-flus u moħħu biss biex jagħmel aktar flus, għad-detriment tal-poplu u ta’ min qiegħed saħansitra jitlef daru u anke ħajtu u hawnhekk insellem lil Miriam Pace, li ftit jiem ilu tilfet ħajjitha minħabba l-ħniżrija tal-kapitalżmu u Stat li jkompli jħeġġeġ il-kilba għall-flus.
Qegħdin hawn għax in-nisa għadhom iġorru l-ikbar piż għat-trobbija tat-tfal u x-xogħol tad-dar, anke jekk qed jiggradwaw mill-Università u daħlu fis-suq tax-xogħol.
Għax l-isterjotipi tal-ġeneru għadhom ma ndifnux u uliedna, bniet u subien qegħdin jiġu magħġunin fihom minn ċkunithom.
Għax il-maġġoranza tal-vittmi tal-vjolenza domestika huma nisa u hawnhekk ukoll insellem lil Chantelle Chetcuti li kienet l-aħħar vittma tal-vjolenza domestika f’lista li dejjem qed titwal.
Qegħdin hawn għax il-maġġoranza tal-vittmi ta’ stupru u tal-fastidju sesswali huma nisa.
Qegħdin hawn għax il-poter u l-ġid għadhom l-aktar f’idejn l-irġiel.
Għax in-nisa għadhom mhumiex rappreżentati proporzjonalment fil-politika, fuq il-bordijiet tal-gvern u fi rwoli ewlenin fis-soċjeta’ tagħna.
Għax in-nisa għadhom jaqilgħu inqas milli jaqilgħu l-irġiel u għax f’Malta u Għawdex għandna l-ikbar distakk bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel fl-Ewropa.
Qedgħdin hawn għax hawn nisa li jħossuhom vulnerabbli ġo djarhom stess.
Għax nisa trans għadhom jiġu nsulentati, redikolati, mċaħħdin minn impjieg diċenti u attakkati fiżikament.
Qegħdin hawn għax aħna rrabbjati li nisa ħutna għadhom oppressi, imbeżżgħin, intimidati, dipendenti, oġġettifikati, injorati, attakkati, ittantati, stuprati u umiljati għax fil-prattika għadhom mhumiex meqjusin daqs l-irġiel.