Moviment Graffitti logo

Latest News

Favur trasport sostenibbli għas-saħħa fiżika u mentali – Lara Calleja

Kemm professjonisti u kemm tobba Maltin ilhom issa snin twal iħambqu li Malta għandha l-agħar kwalità ta’ arja fl-Ewropa. Qegħdin jagħtu każ dawk ta’ fuq? Le

22 mewta fit-toroq ta’ Malta u Għawdex fis-sena 2022. U 4,062 inċident li minnhom 1,020 sarrfu jekk mhux f’mewt, fi ġrieħi gravi. Dawn statistiċi li ħarġu fil-bidu ta’ Ottubru 2022. In-numri qabżu iktar mid-doppju ta’ dawk li ġew irraportati fl-2021 u s-sena għadha ma ntemmitx. Sadanittant, il-każijiet ta’ mwiet għadhom qegħdin jiżdiedu.

It-traġedji u l-imwiet fit-toroq Maltin huma trawma dewwimija għall-persuni involuti fl-inċidenti u għall-ħbieb u l-qraba tal-istess nies li kollha jġorru l-piż, it-telfa u d-dwejjaq ta’ dawn it-traġedji.

It-traġedja l-oħra hija li l-vetturi f’pajjiżna qegħdin ikomplu jiżdiedu b’rata allarmanti. Statistika tal-NSO turi li sa Settembru 2022, Malta kellha total ta’ 422,576 vettura reġistrata, li minnhom madwar 10,000 biss huma vetturi ibridi jew elettriċi. Allarmanti wkoll il-medja ta’ 65 vettura ġdida li qegħdin jiġu reġistrati kuljum. Kif imma għadna ma fhimniex li l-karozzi huma sors ta’ traġedja wara oħra f’dan il-pajjiż?

Kemm professjonisti u kemm tobba Maltin ilhom issa snin twal iħambqu li Malta għandha l-agħar kwalità ta’ arja fl-Ewropa. Qegħdin jagħtu każ dawk ta’ fuq? Le. Il-baġit il-ġdid huwa xhieda ta’ dan. Baġit li ma ħaddan l-ebda pjan, l-ebda miżura konkreta u l-ebda viżjoni fir-rigward tal-isfidi kbar li qegħdin niffaċċjaw fil-qasam tat-trasport. Stqarrija li ħarġet l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mediċina tas-Saħħa Pubblika (MAPHM) fl-2020 pereżempju tgħid li l-arja maħmuġa tal-gżejjer Maltin tikkawża iktar minn fatalità waħda kuljum f’pajjiżna u aktar minn 500 mewta fis-sena. Għal xi raġuni madanakollu, il-Gvern għadu ma jridx jifhem li inqas ma jkollna karozzi fit-toroq inqas ser ibatu u jmutu nies. Li inqas ma jinħarqu karburanti fossili iktar ser inħarsu l-ħajja tal-bniedem. Li meta, waqt il-pandemija fl-Ewropa, ħarġu inqas karozzi fit-toroq evitajna 11,000 mewta.

Gravi. M’hemmx kelma aħjar. Hija ċara daqs il-kristall issa iktar minn qatt qabel, kemm l-ammonti kolossali ta’ vetturi fit-toroq Maltin għandhom konsegwenzi gravi fuq is-saħħa fiżika tan-nies. Bosta studji jindikaw ċar ukoll li adulti kontinwament esposti għat-traffiku qegħdin f’riskju akbar li jbatu minn kundizzjonijiet mentali. Dan ġej mill-fatt li bit-traffiku jiżdiedu kimiċi fl-arja bħad-Dijossidu tan-Nitroġenu (NO2) u l-Materja Partikolari Fina (PM2.5) li jikkawżaw kundizzjonijiet mentali bħall-ansjetà u d-dipressjoni u jżidu l-possibiltà ta’ kundizzjonijiet bħal uġigħ fl-istonku, qtugħ ta’ nifs u problemi ta’ rqad.

F’intervista riċenti, il-psikologu Dr Gottfried Catania semma’ s-sens ta’ frustrazzjoni, l-ansjetà u r-rabja li qegħdin jesperjenzaw eluf ta’ nies kuljum waqt il-ħinijiet tas-sewqan. L-istress mentali tat-traffiku mhux ġej biss mill-ħin ta’ stennija, fejn is-sewwieqa jesperjenzaw mumenti twal ta’ klawstrofobija, imma anka mill-istorbju li jikkawża t-traffiku inġenerali, kemm għas-sewwieqa kif ukoll għan-nies fil-madwar tat-toroq. U l-anqas mid-dar ma huma jistrieħu mill-karozzi n-nies għax bir-rata dejjem tiżdied ta’ toroq, sar kważi impossibbli li nevitaw il-ħsejjes tal-karozzi għaddejjin.

Il-biċċa l-kbira tal-Maltin konxji sew minn dawn il-problemi u inkwetati b’mod partikolari dwar tal-impatt tagħhom fuq problemi bħall-ażma, il-mard fil-pulmun u l-mard tal-qalb. U konxji wkoll li qegħdin jiġu injorati fit-tħassib u l-inkwiet tagħhom. Stħarriġ tal-Ewrobarometru juri li 64% tal-Maltin iħossu li l-awtoritajiet mhumiex qegħdin jagħmlu biżżejjed biex inaqqsu t-tniġġis fl-arja. Barra minn hekk, il-poplu qiegħed iġorr il-piż tat-traffiku minn butu. Il-konsegwenzi tal-konġestjoni, l-istorbju u l-arja ħażina jiswewna, skont l-Ewrobarometru, erba’ mitt miljun ewro fis-sena – 3.6 % tal-PGD.

Hemm soluzzjonijiet iva. Hemm bosta affarijiet li nistgħu nagħmlu sabiex intejbu s-sitwazzjoni. Il-Gvern jista’ jibda pereżempju billi jħeġġeġ lill-impjegaturi sabiex iħaddmu mudelli flessibbli ta’ xogħol, fejn il-ħaddiema jabbinaw il-ħidma remota max-xogħol mill-uffiċċju. Ħinijiet tax-xogħol flessibbli kif ukoll impjieg ta’ erba’ darbiet fil-ġimgħa flok ħamsa ser inaqqsu l-ammont ta’ vetturi li joħorġu fit-toroq kuljum.

L-ikbar għodda madanakollu tibqa’ servizz tat-trasport pubbliku organizzat kif suppost jiġifieri b’mod aċċessibbli, regolari u effiċjenti. Dan jinkludi politiki b’saħħithom għall-użu tar-roti, toroq li kollha jinkludu karreġġjati għar-roti, gwida ta’ standards ċari fejn jidħlu infrastrutturi għall-użu tar-roti u l-ispazji pedonali, kif ukoll spazji miftuħa bħal pjazzez u toroq li dejjem jibqgħu bla karozzi.

Ir-riċerka saret, l-organizzazzjonijiet tkellmu, in-nies tkellmu magħhom, l-istatistika traġika, imdemmija u tal-waħx. Għalfejn għadna mjassra mill-karozzi? Tmiem sena iebsa oħra wasal ukoll. Għalfejn ir-raqda?

Kont taf?

‘Żerniq Bir-Roti’ hija attività li ssir fl-ewwel Ħadd ta’ kull xahar fejn parti mill-bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ tingħalaq sabiex jingħata spazju għas-sewwieqa tar-roti, kemm kbar u kemm żgħar. Din hija inizjattiva tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ. 

Latest from our blog

Three Gozitan NGOs — Din l-Art Ħelwa – Għawdex, Wirt Għawdex, and Għawdix — and Moviment Graffitti have strongly condemned...

2024 marks a major event for the Maltese political scene: the 30th anniversary of the founding of activist group Moviment...

The Planning Authority (PA) has been flooded with objections to the sham consultation process for the revision of the Villa...