Moviment Graffitti logo

Latest News

Il-Bajtar, u Ħames Snin mill-Qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – Robert Fenech

L-istess klassi politika għadha għaddejja bl-istess ritmu. Illum għadna naraw membri parlamentari jiddefendu lil Konrad Mizzi minkejja dak kollu li nafu dwaru. Rajna l-ħatra ta’ avukat ġenerali involuta fl-iskandlu tal-Electrogas

‘Tistenniex il-bajtra taqa’ f’ħalqek’, imur il-qawl Malti. Kemm kienu għorrief missirijietna. Jien, ma tantx. It-tifsira tal-qawl, jiġifieri li trid l-impenn personali u l-ħidma biex tasal fejn tixtieq tasal, dik fhimtha meta kont għadni l-iskola. Imma għalfejn propju dik il-frotta minn tant frott, domt ma ħadtha.

Domt biex rabbejt apprezzament għall-bajtar ta’ San Ġwann. Forsi għalhekk. Kienu l-bajtar tax-xewk li l-aktar kont nibla u moħħi dejjem għalihom kien imur, jien u nistaqsi bejni w bejn ruħi, min hu l-baħnan li qiegħed jistenna frotta mimlija xewk taqa’ f’ħalqu? Eventwalment fhimt li l-bajtar tal-qawl huwa l-bajtar ta’ San Ġwann imma dik l-immaġni żbaljata baqgħet tħassibni.

Ħames snin ilu fil-Bidnija, ftit ‘il bogħod minn fejn trabbejt jiena, grupp ta’ kriminali poġġew bomba fil-karozza ta’ ġurnalista u splodewha. Stennejna fuq li stennejna u għadna qegħdin nistennew iżda ejja ngħiduha kif inhi – minn dak iż-żmien ’l hawn, waqgħet bajtra waħda f’ħalqna li ma kinitx mimlija xewk?

Kellna ninżlu ngħajjtu fit-toroq għal bidla fis-sistema korrotta u qattiela li wasslet għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Kellna nkunu aħna li nieħdu r-riedni f’idejna biex inwasslu l-messaġġ li le, dan il-każ ma ntemmx għax qabdu lil min għafas il-buttuna.

Stennejna fuq li stennejna, imma l-bajtar dejjem mimli xewk ġie. Rajna inkjesta pubblika tasal għall-konklużjoni li kienet il-klassi politika li wasslet għal klima li għamlet kuraġġ lil min kien lest joqtol lil Daphne Caruana Galizia.

L-istess klassi politika għadha għaddejja bl-istess ritmu. Illum għadna naraw membri parlamentari jiddefendu lil Konrad Mizzi minkejja dak kollu li nafu dwaru. Rajna l-ħatra ta’ avukat ġenerali involuta fl-iskandlu tal-Electrogas, l-istess skandlu li bdiet tikxef Daphne Caruana Galizia u li wassal għall-assassinju tagħha. Taħt l-istess avukat ġenerali, il-kriminali rajnihom jingħataw maħfra mingħajr patt li jitkellmu u min prova jixtri lil ġurnalist inħeles fuq ‘żball’.

L-AUM ingħatat iktar art. Steward Healthcare għadna nimpalawlhom il-miljuni fil-ġimgħa. L-art li nbiegħet biċ-ċiċri lid-db f’proċess qarrieqi għadha tagħhom. Is-sistema manifestament korrotta tal-hekk imsejħa ‘donazzjonijiet’ għall-kampanji elettorali tal-partiti għadha għaddejja ġmiela. Il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti ilha li tqattgħet biċċiet mingħajr ħadd ma lissen kelma.

Saret riforma li suppost tipproteġi lill-ġurnalisti mingħajr ebda konsultazzjoni mal-istess ġurnalisti. Il-magni tal-pjaċiri bħal ma hija l-Infrastructure Malta, għadhom jippompjaw il-flus għand tal-qalba filwaqt li l-industrija qattiela tal-kostruzzjoni għadha għaddejja tkisser mingħajr ebda forma ta’ regolazzjoni. U min imexxi s-suppost Awtorità jinsab fil-qalba tal-istess industrija u joħroġ għonqu sabiex jiddefendi l-illegalitajiet tagħha.

Is-sistema strutturata tal-abbuż imwielda miż-żwieġ bejn l-amministrazzjoni pubblika u l-barunijiet il-ġodda għadha hemm. Ilna nistennewh il-bajtar jaqa’ f’ħalqna imma dan kollu xewk mhux frott.

Iżda jekk min jistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqu jaf jimla wiċċu xewk, min iqum fuq tiegħu jaf isib frott aħjar. Ejja niftakru li konna aħna li ħadna lura x-xatt tal-Gżira Manoel, li kienet ilha misruqa kważi għoxrin sena sħaħ. Konna aħna – għaqdiet, residenti, kunsilli – li waqafna għall-mostrożità li riedu jibnu d-db f’Pembroke u konna aħna li waqafna għall-qerda li kienet ser iġġib magħha marina f’Wied il-Għajn.

Konna aħna, il-poplu Malti, li fl-2019 qomna u għajjatna ‘daqshekk dħaktu bina’. Ma kinitx faċli, imma Joseph Muscat kellu jitlaq b’denbu bejn saqgħajh.

Huma l-kmamar tal-aħbarijiet u l-ġurnalisti kuraġġużi li jibqgħu jwasslulna storja fuq oħra ta’ ħmieġ u korruzzjoni dwar dik ir-relazzjoni inċestuża bejn il-poter politiku u dak finanzjarju.

Kienu dawk li ma stennew l-ebda batra taqa’ f’ħalqhom li rnexxielhom ipoġġu lill-aħwa Degiorgio wara l-ħitan tal-ħabs. Hija l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia li minkejja kull ma ġarrbet f’pajjiżha, ma qatgħet qalbha qatt minn Malta u tibqa’ sservi ta’ eżempju li min jistinka, jieħu l-ħaqq.

Jekk inħarsu madwarna naraw pajjiż mimli bajtar. Jekk nistennewh jaqa’ f’ħalqna jaf nimtlew xewk. Jekk inqumu fuq saqgħajna malajr niskopru frott ieħor. Kull ma rridu nagħmlu hu li noħorġu jdejna għalih.

Latest from our blog

The Planning Authority (PA) has been flooded with objections to the sham consultation process for the revision of the Villa...

The 25th of November is the International Day for the Elimination of Violence Against Women. Once again, women from different...

Last Tuesday, Prime Minister Robert Abela was busy titillating developers with the prospect of changes to the Local Plans that...