Moviment Graffitti logo

Latest News

Sieħeb, jekk jogħġbok – Rafel Grima

Il-qtil ta’ Paulina Dembska għandu jallarmana għaliex huwa indikazzjoni ċara li, lil hinn mill-ħafna eloġji dwar l-ugwaljanza, fil-verità hemm numru kbir ta’ nisa li għadhom jiġu abbużati 

Fil-ħin bikri tat-tieni jum tas-sena l-ġdida, Paulina Dembska ġiet stuprata, mgħallqa u finalment maqtula. Bħalma l-istorja tal-bniedem mhijiex ċiklu imma kontinwazzjoni ta’ ħafna ġrajjiet, tantieħor hija l-istorja tal-femiċidji f’Malta u l-kultura patrijarkali ta’ xtutna. 

In-numru kbir ta’ nies li attendaw il-velja f’Tas-Sliema ftit jiem wara li nqatlet Paulina Dembska, juri biċ-ċar li dan l-episodju mhux biss tefa’ – iżda huwa – dell ikrah fuq artna. Il-fatt li attendew diversi nies minn oqsma differenti tas-soċjetà, fosthom l-ogħla uffiċċjali tal-istat, juri li bħala poplu m’għandniex nittolleraw atti bħal dawn. 

Ir-reazzjonijiet ta’ ċertu individwi prominenti, fosthom qassis, huma inkwetanti imma mhux xokkanti. Xokkanti kienu r-reazzjonijiet ta’ wħud, li minkejja li dan huwa każ ovvju ta’ femiċidju, kellhom il-wiċċ jiċħdu li s-soċjetà tagħna hija waħda patrijarkali. Ma nistenniex li kull individwu juża l-kelma ‘partijarkali’ biex jiddeskrivi l-kultura misoġinista tagħna. Nistenna biss l-umiltà bażika li nagħrfu li f’Malta din il-problema teżisti. Li bosta jibqgħu jiċħdu li fis-soċjetà Maltija n-nisa huma filfatt meqjusa bħala esseri inferjuri, jixhed is-sessiżmu ingranat fl-imħuħ ta’ bosta rġiel f’dan il-pajjiż.

Jiena, bħala raġel, trabbejt f’kultura fejn ix-xenqiet sesswali tas-subien tas-sekondarja u l-kummenti ta’ disprezz fil-konfront tan-nisa ma ġewx indirizzati mill-edukazzjoni, il-knisja jew is-soċjetà. Anzi f’ċertu każijiet, din it-taħlita ta’ sentimenti kbar kompliet tissaħħaħ mill-fatt li konna segregati fi skejjel differenti – subien u bniet. Niftakarni niddardar jien u nisma’ l-kliem ta’ studenti subien sħabi meta kienu jiġu gruppi ta’ tfajliet minn skejjel oħra jużaw l-awditorju tal-iskola tagħna għal xi serata teatrali. L-eċitament inkontrollabbli li konna nħossu spiss kien jissarraf fi frustrazzjoni enormi fi sħabi u ħafna ħolm li kellu ħabta jieħu xejra disturbanti. 

Qatt ma ħassejt li fi tfuliti kien hemm spazju pubbliku għal diskussjonijiet serji u neċessarji li jgħinuna lilna is- subien naffrontaw l-attitudnijiet sessisti ta’ pajjiżna. Neskludi lill-familti minn din il-kategorija. Kien grazzi għall-prinċipji tal-ugwaljanza, is-solidarjetà u r-rispett li għallmitni familti li rnexxili nirreżisti ħafna milli nipparteċipa f’dan it-tip ta’ diskors. Xorta waħda kelli niġġieled mentalità li wara ċertu żmien kienet saret norma għalija – ngħidu aħna l-‘male gaze’ jew li nitkellmu jew ngħajtu fuq in-nisa meta jitkellmu huma. 

Wasal iż-żmien – cioè qegħdin tard – li naffrontaw il-privileġġi li s-soċjetà tagħti lill-irġiel. L-aqwa għodda f’dan il-proċess hija r-riflessjoni personali. Għandna nibdew billi nistabbilixxu fuq l-iktar livell intimu u personali li kwalunkwe persuna ħaqqha r-rispett. Minn hemm imbagħad irridu nħarsu lejn ir-relazzjoni personali tagħna man-nisa fiċ-ċrieki soċjali tagħna, fuq il-post tax-xogħol u fil-familja. 

Hawn ser indur fuq żewġ karattri mir-rumanzi ta’ Sally Rooney għax ifakkruni fl-attitudni ta’ ħafna rġiel man-nisa fis-soċjetà Maltija. Fir-rumanz Normal People insibu l-karattru ta’ Connell, raġel nieqes mill-kunfidenza fih innifsu li jasal biex ikollu relazzjonijiet strambi, kważi mingħajr emozzjoni ma’ numru ta’ nisa. Dan sakemm jispiċċa f’relazzjoni ma’ Marienne, fejn iħoss sens ta’ poter emozzjonali ġej mill-fatt li huwa r-raġel u li Marienne trid tagħmel l-isforzi kollha biex togħġob lilu iżda qatt bil-kontra. Is-sess bejniethom isir bil-moħbi minn sħabhom u l-familja, u Connell jiddetta meta għandhom jiltaqgħu. Minkejja li jgħid li jħobbha spiss tiġih kilba kbira li jagħtiha daqqa ta’ ħarta – hekk biss donnu jista’ jistabbilixxi xi tip ta’ dominanza u l-ordni patrijarkali ta’ din ir-relazzjoni. Minn barra, Connell jissimbolizza r-raġel li żviluppa u kapaċi juri l-emozzjonijiet tiegħu u kapaċi anki fix-xogħol tad-dar, iżda b’xi mod jew ieħor, sesswalment jew psikoloġikament, irid jibqa’ ggranfat mat-traċċi kollha tad-dominanza li dejjem ħass fuq il-mara.

Nick, karattru fil-ktieb Conversations with Friends, miżżewweġ lil Melissa iżda għandu relazzjoni ma’ Frances li hija ħafna iżgħar minn martu. L-arranġament huwa ta’ “open relationship” iżda f’dal-każ “open” tapplika għalih biss. Ir-relazzjoni ta’ bejn Nick u Frances hija mifnija bid-difetti, inkluż abbuż emozzjonali fuqha minn raġel sabiħ, ikbar fl-età, kemxejn mistħi u s-setgħa kollha li jbiddel il-burdata u l-atteġġjament ta’ Frances kif u meta jrid.Kollox sigriet, kollox minn taħt ma jmurx jinqabad. U meta jinqabdu, mhux li jiġri wisq. Naturalment hi taqlagħha agħar minnu. 

Rooney taqbad tajjeb il-kuntradizzjoni fl-emozzjonijiet ta’ ħafna rġiel fil-ħajja tal-lum, xi ftit jew wisq ikkawżata mit-transizzjoni mill-moraliżmu reliġjuż tan-nanniet u l-ġenituri tagħna għall-valuri liberali tal-lum. Din il-ġlieda interna naraha f’ħafna nies li jagħrfu l-valur tar-rispett lejn in-nisa, pero’, impliċitament xorta juru li xi mkien għad fadal jiġri fihom it-twemmin ingranat jew il-frak moħbi tal-ħsieb ikrah u distruttiv li r-raġel għandu f’idu l-kontroll emozzjonali u sesswali fuq il-mara.

F’intervista mal-MaltaToday fl-2018, Dr Marceline Naudi talbitna biex nidħlu fil-fond tar-riflessjonijiet tagħna u naħdmu serjament sabiex ma nibqgħux nirrepplikaw l-arranġamenti soċjali tal-ġenituri tagħna, għaliex il-probabbiltà kbira hija li dawn m’għadhomx jgħoddu għall-lum il-ġurnata. Dan il-proċess jista’ joħloq ħafna kunflitt intern, speċjalment għall-irġiel. Minjaf kemm-il darba fakkruna meta konna żgħar fil-privileġġi tagħna bħala subien u li għandna naġixxu ta’ “rġiel” mat-tfajliet tagħna. Il-proċess li nifhmu u negħlbu s-sens ta’ dritt sagrosant għall-privileġġi għax aħna rġiel, jekk meħud bis-serjetà, huwa diffiċli u jirrikjedi ħidma kbira u iebsa biex neqirdu l-ideat li trabbejna fhom u trawwimna bihom fejn jidħlu nisa. 

Nemmen li huwa d-dmir ta’ kull raġel li jagħraf u jaġixxi fuq il-vjolenza domestika u vjolenza fuq in-nisa f’Malta. Il-qtil ta’ Paulina Dembska għandu jallarmana għaliex huwa indikazzjoni ċara li, lil hinn mill-ħafna eloġji dwar l-ugwaljanza, fil-verità hemm numru kbir ta’ nisa li għadhom jiġu abbużati emozzjonalment u sesswalment, u saħansitra maqtula. Minkejja li hemm każijiet ta’ vjolenza domestika fuq l-irġiel jew bejn koppji tal-istess sess, l-istatistika turi biċ-ċar li primarjament huma n-nisa li qegħdin isofru taħt idejn l-irġiel. Wasal iż-żmien li bħala rġiel nieqfu nieħdu għalina u minflok ikollna farka ta’ umiltà u r-rieda li ninbidlu. 

Latest from our blog

Organisations positively note that most of the concerns they raised regarding the Bill amending the Private Residential Leases Act have...

Earlier today, Moviment Graffitti, along with a number of other organisations, launched the ‘Justice for Workers’ campaign in a press...

Today, activists from Moviment Graffitti and FAA joined forces with different residents’ groups, including the Sliema Residents Association, the Valletta...