Moviment Graffitti logo

Latest News

Moviment Favur il-Ġid Komuni – Marie Claire Gatt

Għal sena oħra, bħala Moviment Graffitti sibna ruħna naħdmu mill-qrib ma’ diversi komunitajiet madwar il-gżejjer Maltin. Fil-qofol ta’ din il-ħidma kien hemm dejjem ir-relazzjoni intima bejn l-ambjent ta’ madwarna u l-kwalità tal-ħajja għaliex wara kollox, is-sodisfazzjon personali u komunitarju tagħna jirrifletti l-ambjent li ngħixu fih. Dan il-valur kuljum jisfa sagrifikat fuq l-altar tat-tkabbir ekonomiku u politika li ma tikkunsidrax is-suċċessi ta’ kulħadd, b’mod speċjali l-ħaddiema u l-minoritajiet. Spiss, u żbaljatament, is-sintomi ta’ din is-sistema nsejħulhom “progress”. Madanakollu, fil-ħidma tagħna nsostnu li l-“ġid” mhuwiex biss il-flus, imma nsibuh ukoll fl-aspetti tal-ħajja ta’ kuljum li jgħinuna ngħixu kuntenti, sikuri, u f’saħħa fiżika u mentali tajba. Fl-azzjonijiet u s-suċċessi ta’ din is-sena rajna li l-komunitajiet jaslu japprezzaw dawn il-valuri meta jarawhom mhedda.

Nifirħu għalhekk li dan ix-xahar, il-Fortina rtiraw il-pjanijiet tagħhom għal moll fil-bajja tal-Balluta wara l-kritika u l-azzjoni estensiva tar-residenti, il-kunsilli lokali, u l-organizazzjonijiet ambjentali. Flimkien aċċertajna li l-bajja tista’ tkompli titgawda mill-komunità mingħajr katamaran turistiku ta’ 33 metru dieħel u ħiereġ 22 darba kull jum. Dan ix-xahar l-Iskalin rebħu wkoll l-appell tagħhom kontra l-permess għall-pitch tal-waterpolo u ristorant f’nofs il-bajja ta’ Wied il-Għajn. Il-pressjoni publika wasslet ukoll għat-tneħħija taż-żewġ riggijiet taż-żejt ta’ Palumbo li kienu ilhom snin fil-Port il-Kbir u reċentement, il-Bord tal-Ippjanar ta indikazzjoni li ser jirrifjuta l-applikazzjoni għall-iżvilupp fuq ODZ fis-sit ta’ Pulvich f’Ħad-Dingli.

Għawdex qegħdin nagħtu l-appoġġ tagħna lil residenti fosthom tan-Nadur, il-Qala, Sannat u x-Xlendi huma u jopponu proġetti turistiċi jew residenzjali kbar, uħud anki f’ODZ jew f’postijiet storiċi b’impatt negattiv kbir fuq il-kwalità tal-ħajja tal-komunità. Għawdex miexi b’hekk fuq l-istess triq ta’ Malta, fejn il-poplu tilef il-paċi f’daru u l-karattru awtentiku tal-villaġġi u l-ibliet minħabba l-kostruzzjoni kontinwa. Dawn l-attakki fuq l-ambjent jgħaddu bil-barka ta’ awtoritajiet li la jinbħu u wisq inqas jigdmu iżda huwa ċar ukoll li ġejjin minn idea komuni żbaljata ta’ kif inkejlu l-ġid. Hawn qed nirreferi għar-rebħa ta’ kwalunkwe profitti possibbli fuq valuri bħall-estetika u l-wirt kulturali. Din mentalità li għandna bżonn ngħelbu.

Forsi l-iktar eżempju ċar li rajna din is-sena ta’ kif il-ġid finanzjarju jgħaffeġ fuq l-interessi tal-komunità huwa l-pjan ta’ Transport Malta li tiftaħ il-bajja ta’ Marsaskala għall-ispekulazzjoni tal-yacht marinas. Kien għalhekk li bosta drabi dis-sena ħriġna mal-komunità Skalina fit-toroq u għajjatna kontra l-qerda tal-kosta pubblika. Organizzajna wkoll mixja madwar il-bajja fejn ħadna l-ħin niskopru l-istorja ta’ Wied il-Għajn u kull mhu ser nitilfu jekk inħallu l-proposta għal marina għaddejja u nkomplu niċħdu l-wirt kulturali, soċjali, storiku u ambjentali għall-profitti. L-appell mifrux ta’ ħafna u ħafna nies minn mixjiet soċjali u oqsma politiċi differenti huwa xhieda tal-importanza ta’ dan il-ġid komuni fil-ħajja ta’ kuljum tagħna. In-nies għarfu magħna li l-aċċess għall-kosta, l-istorja, il-kultura, l-ambjent u l-ispazju komunitarju huma val-uri indispensabbli u qamu għad-difiża ta’ dak li hu kollettivament tagħhom.

Din is-sena qattajna iktar minn tlett ġimgħat nokkupaw grupp ta’ għelieqi f’Ħad-Dingli biex inwaqqfu x-xogħlijiet ta’ Infrastructure Malta fuq triq mingħajr permess. Dan għaliex nemmnu li l-ġid komuni jiġbor fih ukoll is-sigurtà tal-ikel u tas-saħħa li t-tnejn mhedda f’isem progress falz. Kif stqarr ukoll l-uffiċju tal-ombudsman, dawn ix-xogħolijiet f’art privata bdew qabel ma ħarġu l-permessi tal-esproprjazzjoni u ta’ Trasport Malta u saħansitra qabel ġiet infurmata l-ERA li ser jitqaċċtu siġar tal-ħarrub li kellhom mijiet ta’ snin. Minkejja li t-triq f’Ħad-Dingli għaddewha, il-messaġġ tagħna għaddejnieh ukoll – spiċċa żmien il-ksur tal-liġi ta’ Infrastructure Malta u m’aħniex ser inħalluhom jgħaddu gaffa minn fuq il-poplu.

Iżda l-ħidma komunitarja tkompli u tagħna hija primarjament impenn favur il-protezzjoni tal-ambjent naturali u rurali għaliex il-ħajja tagħna tiddependi minnhom. Bħala pajjiż bl-ikbar perċentwal ta’ art siġillata fl-Ewropa, li jinsab fi kriżi kbira ta’ ilma ħelu u kriżi oħra ta’ sigurtà alimentari, nemmnu li għandna niġġieldu, naħdmu u nipproteġu qatigħ il-ftit li fadlilna. Għalhekk ser inkomplu nisħqu li proġetti infrastrutturali ta’ iktar toroq, iktar siġillar tal-art u iktar użu tal-karozza privata huma antikwati u qatt m’huma ser isolvu l-konġestjoni, it-tniġġis u d-dipendenza fuq il-karburanti fossili. Din is-sena fil-fatt rajna sew li l-proġetti ġodda kollha li swewna l-miljuni mhux talli ma naqqsulniex l-emissjonijiet imma lanqas ma huma adattati għat-tibdil fil-klima li diġà bdejna ngħixu, bħal xita iżjed qalila u temperaturi ogħla.

Barra minn hekk, ħafna proġetti ta’ żvilupp huma ankrati f’relazzjonijiet dubjużi bejn l-istat u l-investituri l-kbar u jħassbuna għaliex sikwit jidher li ma jkollhomx l-interess komuni fil-qofol tagħhom. Dawn ir-relazzjonijiet jinbtu mid-dipendenzi finanzjarji bejn in-negozjanti, il-partiti, il-kandidati u t-tolleranza tal-publiku għal dan l-aġir. Bħala Moviment Graffitti nisħqu fuq l-iskrutinju ta’ dawn il-proġetti iżda ser inkomplu naħdmu wkoll għar-reviżjoni tal-mod kif jiġu finanzjati l-partiti u kif jitħallsu l-ispejjeż relatati mal-kampanji elettorali tal-kandidati sabiex id-dħul u d-donazzjonijiet jiġu dikjarati b’mod kompletament trasparenti.

Nistednukom tħarsu ’l quddiem magħna u tistaqsu: fejn nixtiequ narawh lil pajjiżna? Min-naħa tagħna, ser nibqgħu niġġieldu favur spazji miftuħa għal kulħadd u għal mod ġdid kif nużaw l-ispazju pubbliku urban. Nixtiequ futur għall-agrikoltura u miżuri serji fil-qasam tat-tibdil fil-klima. Fuq kollox, nixtiequ politika li tivvalorizza l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd, fejn il-ġid imur lil hinn mill-ġid finanzjarju u fejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol isiru dinjitużi għal kulħadd. 

Il-ġlieda tkompli u nittamaw li nsibukom magħna fit-triq lejn Malta aħjar! 

Latest from our blog

Organisations positively note that most of the concerns they raised regarding the Bill amending the Private Residential Leases Act have...

Earlier today, Moviment Graffitti, along with a number of other organisations, launched the ‘Justice for Workers’ campaign in a press...

Today, activists from Moviment Graffitti and FAA joined forces with different residents’ groups, including the Sliema Residents Association, the Valletta...