Moviment Graffitti logo

Latest News

Republic of Shame – Rafel Grima

Taqra l-istejjer dwar il-‘mother and baby homes’ u l-Magdalene Laundries tal-Irlanda fil-ktieb Republic of Shame ta’ Caelainn Hogan u titwaħħax. Tul is-seklu għoxrin, numru ta’ nisa u ommijiet ġew istituzzjonalizzati f’ċentri mmexxija minn sorijiet tal-Knisja Kattolika. L-eluf ta’ nisa żgħażagħ li dak iż-żmien inqabdu tqal barra miż-żwieġ, intbagħtu f’dawn il-postijiet biex jinħbew mill-ġudizzju tas-soċjetà Irlandiża. It-trabi li welldu sfaw jew addottati illegalment jew tħallew imutu għax kienu meqjusa tfal ħżiena għax tfal illeġittimi. Dawn il-ġrajjiet ta’ nisa li kien ikollhom jitilqu minn djarhom, minsija mill-familji tagħhom u bl-ebda kontroll fuq il-futur tat-trabi tagħhom, ħallew dell ikrah fuq ir-Repubblika Irlandiża u huma pjaga miftuħa għan-nisa, it-tfal u l-familji li ġarrbu dan il-martirju. Ma tistax taqra dawn l-istejjer u ma tħossx li fuq livell simili, f’pajjiż Kattoliku bħal Malta, li nistkerrhu l-mara, hija parti minn kultura li writtniha mill-valuri u l-morali tal-Knisja. 

Din it-tip ta’ mibegħda b’saħħitha wisq fid-diskussjonijiet dwar l-abort u jeħtieġ li tiġi indirizzata. Li l-liġi Maltija ma tħallix lill-mara tagħmel abort taħt l-ebda ċirkustanza jew fl-ebda stadju tat-tqala tagħha, diġà hija problema kbira għax tinnega l-indipendenza tal-ħsieb u l-għażla li għandha l-mara fid-deċiżjoni dwar it-tqala tagħha. Barra minn hekk, id-diskors ta’ bejnieta spiss ikompli jirrifletti li m’aħniex nifhmu ħaġa bażika u fundamentali: li mara mhux biss għandha d-dritt imma l-kapaċità li tieħu d-deċiżjonijiet tagħha.

Id-dikussjonijiet ta’ bejnietna rigward il-konċepiment tal-ħajja dejjem ħa jkunu suġġettivi u marbuta ma’ dak li nemmnu bħala individwi. Dan ma jfissirx li m’għandniex naħsbu fuq l-abort u niddiskutuh. Jeħtieġ madanakollu li nibqgħu miftuħa wkoll għar-realtajiet tan-nisa li kellhom jieħdu deċiżjonijiet iebsa fir-rigward tat-tqala u l-kumplament tal-ħajja tagħhom. Il-ktejjeb Dear Decision Makers, ippubblikat reċentement fil-qafas tal-inizjattiva Break the Taboo Malta, huwa punt tat-tluq importanti, għax jiġbor fih l-istorja ta’ 49 mara li għamlu abort Malta jew barra minn Malta u ħassew il-bżonn li jaqsmu l-esperjenza tagħhom. Skont riċerka ta’Aleksandar Dimitrijevic, kull sena jagħmlu abort 670 mara jew f’Malta stess jew billi jsiefru ħafna drabi l-Ingilterra jew l-Italja. Storja numru 12 pereżempju hija dwar mara ta’ 18-il sena li nqabdet tqila wara li seħibha għażel li ma jieħux il-prekawzjonijiet kollha waqt is-sess. It-trawma li ġarrbet kbira. Hija tirrakkonta kif seħibha kien diżonest dwar l-aġir tiegħu fl-iktar mumenti intimi ta’ bejniethom. Kienet għadha żgħira wisq u fl-ebda qgħada li trabbi tarbija. L-ewwel vjaġġ f’ħajjitha fil-fatt kellu jkun lejn pajjiż li ma tafx il-lingwa tiegħu biex ittemm it-tqala tagħha.

In-nisa li fl-Irlanda kienu jitħallew wara l-bibien tal-kunventi tas-sorijiet mill-ġenituri tagħhom stess u mingħajr l-ebda ħsieb li dawn xi darba jerġgħu jiġbruhom, ħafna drabi kienu vittmi ta’ relazzjonijiet abbużivi. Is-sess kien suġġett mistmerr u l-att meqjus dnub. Sforz in-nuqqas t’għarfien u informazzjoni, meta n-nisa kienu jiskopru li huma tqal kienu jsibu ruħhom mitlufa. Dan is-sentiment kien jibqa’ magħhom matul ix-xhur twal li kienu jqattgħu l-bogħod minn għajn in-nies fl-istutizzjonijiet Kattoliċi.

Kienu jkunu xhur ta’ taqlib emozzjonali u konfużjoni kbira anki għaliex is-sorijiet kienu jġiegħluhom iħossuhom ħatja talli nqabdu tqal. Storja numru 2 ta’ Dear Decision Makers tirrifletti dawn l-istess sentimenti u ħsibijiet tqal. Hija storja ta’ tfajla ta’ 17-il sena li ma kellha l-ebda għarfien sesswali minħabba t-trobbija Kattolika stretta tagħha u meta nqabdet tqila kienet fuq mediċina għal numru ta’ problemi psikoloġiċi, li kellha twaqqafha ħabta u sabta. Fi kliemha, ix-xhur tat-tqala kienu mċajpra, mimlija sfidi mentali u rabja kbira. Qatt ma waslet għall-abort għaliex ma kelliex il-mezzi għalih. It-tobba saħansitra heddewha li sforz il-kundizzjoni tagħha se jkollha tagħti t-tarbija tagħha għall-addozzjoni u baqgħu jinsistu fuq dan sal-aħħar. Hekk kif kienu jinsistu man-nisa fl-Irlanda fejn eluf ta’ trabi sfaw addottati illegalment, kontra x-xewqa tal-ommijiet tagħhom u sforz theddid kbir u koerżjoni. It-tfalja ta’ Storja 2 kellha t-tarbija u żammitha iżda esprimiet b’mod ċar li din ma kinitx ix-xewqa tagħha u insistiet li n-nisa li jsibu ruħhom fis-sitwazzjoni tagħha kellhom bżonn l-għażla u ħafna għajnuna. 

Mhux kull storja u mhux kull mara tgħaddi minn episodju iebes f’dawn l-istejjer. Storja numru 13 hija eżempju ċar ta’ kif koppja f’relazzjoni stabbli iżda f’qagħda ekonomika dgħajfa għażlet li ttemm it-tqala. Il-mara minbarra l-appoġġ ta’ seħibha, sabet ukoll dak ta’ missierha – li ssorprendiha. Dawn l-istejjer, miġbura minn Laura Paris u Emily Galea, jagħtuna stampa ċara ta’ x’qiegħed jiġri f’Malta. 

Ma tistax taqrahom u tibqa’ twebbes rasek tgħid li l-abort m’għandux ikun aċċessibbli għal min iridu. Nittama li fil-kuxjenza morali tagħna hemm ukoll il-ġustizzja u l-empatija ma’ dawk li jridu jagħmlu deċiżjonijiet importanti għal ħajjithom. Le, mhux kull persuna ta’ 18-il sena tista’ ssostni tarbija. Le, mhux kulħadd jixtieq, jew jista’, jkollu tarbija oħra. U le, mhux kull mara tixtieq li jkollha tarbija għax għamlet żball f’mument intimu. L-għażla mhijiex tagħna li niddeċiedu ħaddieħor x’jagħmel. L-għażla madanakollu hija tagħna li bħala soċjetà nippermettu li mara tgħix ħajja diċenti mingħajr ma tkisser ir-relazzjonijiet intimi tagħha, mingħjar ma tbati ekonomikament jew tfarrak l-istabbiltà mentali tagħha. Ma rridx ngħix f’pajjiż li għoxrin, tletin sena oħra, jkollu l-piż ta’ dawn l-istejjer koroh fuqu, bħal ma ġara l-Irlanda. Il-piż morali tal-mibgħieda lejn in-nisa li jixtiequ jtemmu t-tqala tagħhom jista’ jkollu riperkussjonijiet devastanti fil-futur fuq ħafna nisa, irġiel, familji u tfal. In-nisa għandhom id-dritt li jiddeċiedu jwaqqfux it-tqala tagħhom jew le, mingħajr tlaqliq u mistħija. 

Latest from our blog

Three Gozitan NGOs — Din l-Art Ħelwa – Għawdex, Wirt Għawdex, and Għawdix — and Moviment Graffitti have strongly condemned...

2024 marks a major event for the Maltese political scene: the 30th anniversary of the founding of activist group Moviment...

The Planning Authority (PA) has been flooded with objections to the sham consultation process for the revision of the Villa...