Fil-biċċa l-kbira tal-analiżi li saru dwar l-elezzjonijiet ġiet enfasizzata d-differenza f’termini ta’ distakk bejn il-partiti. Però, filwaqt li dan huwa aspett importanti ħafna għax juri l-preferenza tan-nies lejn l-għażliet li għandhom quddiemhom, dan ma jurix l-istampa kollha. Fil-fatt, din l-analiżi ma tkejjilx il-fiduċja tal-poplu, fit-totalità tiegħu, fil-partiti u fis-sistema, imma tkejjel biss kemm huma b’saħħithom il-partiti meta jiġu mqabbla ma’ xulxin.
Jekk naraw il-figuri tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ din is-sena li qed tiġi meqjusa bħala rebħa kbira għall-Partit Laburista u nqabbluhom ma’ dawk ta’ ħames snin ilu, nindunaw li fil-fatt l-appoġġ lejn il-PL naqas bi ftit u li d-distakk fuq il-Partit Nazzjonalista kiber sempliċiment għax l-appoġġ lejn il-PN naqas b’ħafna iktar.
Il-kalkolu huwa wieħed sempliċi. Qabbilna l-perċentwali ta’ voti li ġabu l-partiti fl-2014 u fl-2019, maħdum fuq in-numru totali ta’ votanti rreġistrati.
Fl-2014:
– Il-PL ġab 39% tal-voti rreġistrati
– Il-PN ġab 29.3% tal-voti rreġistrati
Fl-2019
– Il-PL ġab 38% tal-voti rreġistrati
– Il-PN ġab 26.5% tal-voti rreġistrati
X’juri dan kollu? Juri li l-fiduċja tal-poplu fiż-żewġ partiti l-kbar qed tmajna, u li, iktar milli kunsens lejn il-politika tal-PL, dan ir-riżultat juri nuqqas serju ta’ alternattiva politika għalih