[WATCH] 25 sena mit-twaqqif tal-Moviment Graffitti |  Moviment Graffitti Malta.
17/10/2019

[WATCH] 25 sena mit-twaqqif tal-Moviment Graffitti

Il-Moviment Graffitti twieled 25 sena ilu u l-attivisti msieħba fih m’għandhom l-ebda ħsieb li jbiddluh f’moviment politiku.


L-għaqda xellugija tinsab determinata li tkompli toffri spazju mhux partiġġjan fejn in-nies b’fehmiet differenti jaħdmu għal soċjetà aktar ġusta u kwalità ta’ ħajja aħjar.


L-uffiċċju tal-Moviment Graffitti fil-Belt inbidel f’mużew b’ritratti u materjal ieħor mill-ġurnali li rrappurtaw l-attiviżmu tal-membri ta’ din l-għaqda xellugija li twaqfet 25 sena li f’hafna okkażjonijiet semmghet lehinha fuq bosta oqsma mill-ambjent sal-ħelsien.


Andre Callus li ilu 15-il sena attiv f’din l-għaqda qal li minkejja li tul is-snin biddlu l-istrateġiji u l-kwistjonijiet li jiffukaw fuqhom, baqgħu konsistenti fil-missjoni tagħhom li joħolqu spazju mhux partiġġjan biex in-nies ikunu jistgħu jaħdmu għal soċjetà ġusta u kwalità ta’ ħajja aħjar.


“Naħseb f’pajjiż fejn il-partiti politiċi għandhom daqshekk kontroll fuq is-soċjetà, il-fatt li maż-żmien dejjem ippruvajna nżommu u nkabbru dan l-ispazju li jappoġġjaw partiti differenti jew li ma jappoġġjaw lill-ebda partit jistgħu jkunu attivi, dik kienet xi ħaġa diffiċli imma hija waħda mill-iktar affarijiet importanti li għamilna”.


Tul l-aħħar kwart ta’ seklu, il-Moviment kien involut f’kampanji u azzjonijiet; mill-ħolqien ta’ ekonomija aktar ġusta mal-ħaddiema; u minn kampanji kontra l-qerda ambjentali għar-reviżjoni tal-politika fuq il-pompi tal-petrol.


Is-sur Callus qal li waqt li huma m’humiex interessati li jidħlu fil-politika partiġġjana u fix-xhur li ġejjin se jiffukaw l-enerġiji tagħhom biex tiżdied il-paga minima nazzjonali u biex wara l-protesta nazzjonali dwar l-ambjent u l-industrija tal-kostruzzjoni li saret fis-7 ta’ Settembru, jippreżentaw proposti konkreti.


“Issa qed nippruvaw noħorġu dokument wieħed x’għandu jsir f’dan il-pajjiż biex dan il-mudell ekonomiku u ambjentali illi naħsbu li ma jagħmilx sens li qed idaħħalna f’ħajt ikun hemm bidla sinifikanti fih”.


Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet f’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tal-Moviment Graffitti, tħejja dokumentarju awdjo-viżiv u saret diskussjoni fuq ir-rwol tal-movimenti attivisti fis-soċjetà, ir-relazzjoni tal-attivisti mal-partiti politiċi u jekk l-attiviżmu jistax jinfluwenza l-politika waqt li jibqa’ indipendenti mill-partiti.